Sunday, April 19, 2009

Tattika Biex Jinqedru l-Unjins

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=52695

Tattika biex jinqerdu l-unjins
minn Byron Camilleri


Fl-aħħar jiem Malta esperjenzat wieħed mill-agħar żminijiet fl-istorja tat-trejdunjoniżmu tagħha. Mhux ta’ b’xejn li dak li ġara dan l-aħħar, ħafna qegħdin ixebħuh mal-mod xejn feliċi li bih Margaret Thatcher kienet tittratta lill-unjins fl-Ingilterra, fit-tmeninijiet.

Dak iż-żmien hija kienet użat din it-tattika biex tkisser, bil-mod il-mod, lill-unjins li jir­rap­reżentaw lill-ħaddiema. Ma ppruvatx tkisser lill-unjins kollha f’daqqa, iżda għamlet dan billi bdiet tipprova tkisser unjin wara l-oħra, u dan huwa dak li qiegħed jiġri f’pajjiżna, bil-GWU tkun l-ewwel vittma.



Qatt xi ħadd minnha ħolom li jmur jivvota f’xi elezjoni u flok jieħu sehem f’votazjoni sigrieta, isib żewġ persuni jistaqsuh il-preferenza tiegħu? Fejnha d-demokrazija f’dan il-pajjiż?



Il-problema hi li l-liġi li tirregola il-prattiċi tat-trejdun­jo­niżmu mhix daqshekk ċara fl-aspett ta’ meta jkollok aktar minn unjin waħda li jitolbu li huma jiġu meqjusin uffiċjalment bħala r-rappreżentanti tal-ħaddiema. Allura, id-Direttur tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali kellu l-obbligu li jagħmel proċess ta’ verifikazzjoni, li jammonta għal – kważi kważi – elezjoni bejn żewġ trejdunjins li jaħsbu li għandom ikunu huma dawk li jirrap­preżentaw lill-ħaddiema.



Il-GWU għamlet proċess ta’ verifikazzjoni sigriet, issorveljat minn Professur tal-Liġi li kulħadd għandu rispett kbir lejh, iżda dan ma ġiex aċċettat mid-Direttur tal-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali. Madankollu, meta dan id-Direttur għamel il proċess ta’ verifikazzjoni hu, dan kien proċess bażwi li pajjiż modern u demokratiku bħal tagħna ma jistħoqqlux li jseħħu dawn l-affarijiet fih. Għalkemm il-liġi ma tispeċifikax, hija ħaġa ovvja li meta se tagħmel proċss ta verifikazzjoni, dan tagħmlu b’vot sigriet. F’liema pajjiż demokratiku qatt issir votazzjoni li ma tkunx sigrieta? Għamlet sew il-GWU li ma taċċettax dan il-proċess bażwi, fejn ir-riżultat kien frott ta’ biża’ li ħakmet lil dawk il-ħad­die­ma meta saru jafu li ċertu nies se jkunu jafu bl-għażla tagħhom.



Il-Freeport, min-naħa tagħ­hom, bħala kumpanija privata tal­bu mandat ta’ sekwestru ta €1 miljun fuq il-GWU, li ġie aċċettat mill-Qorti Maltija. In-nuqqas ta’ likwidità li ġab dan il-mandat ifisser ukoll li l-Unjin mhix se tkun aktar f’pożizzjoni li tonora l-obbligi finanzjarji tagħ­ha u dan b’riperkussjonijiet katastrofiċi għaliha, kif ukoll għall-impjegati u l-membri tagħha.



Wieħed ma jistax ma jiftakarx kif, fis-sentenza mogħtija mill-istess Qorti fil-każ tal-Freeport vs. UĦM, deciża mill-Qorti tal-Appell fit-30 ta’ Mejju, 2003, il-Qorti kienet għamlitha ċara li meta unjin tkun f’tilwima industrijali din tkun qiegħda tgawdi mill-immunità. Rig­ward id-definizjoni ta’ tilwima industrijali, il-Qorti tal-Appell tikkritika s-sentenza tal-ew­wel Qorti u tgħid li “din il-Qorti allura tifhem – anke jekk dan mhux espressament enun­ċjat fis-sentenza appellata – li għall-ewwel Qorti t-tilwima industrijali kellha tkun tikkonċerna għal kollox jew prinċipalment il-pattijiet u l-kundizzjonijiet tal-impjieg, u ma kienx biżżejjed li tkun konnessa magħhom. Tant hu hekk, li mill-konsiderandi ta’ l-ewwel Qorti hu ovvju li l-konklużjoni tagħha kienet li l-azzjoni industrijali, ‘una volta’ kienet diretta kontra miżura ekonomika meħuda mill-Gvern tal-ġurnata, anke jekk din kellha effett dirett fuq il-kundizzjonjiet tal-impjieg tal-ħaddiema tal-pajjiż, ma setgħax jingħad li tali miżura kienet tagħti lok għal tilwima ta’ xogħol.”



Il-Qorti tal-Appell irrevokiet l-ewwel sentenza u esprimiet il-ħsieb, għalhekk, li tiliwma industrijali tista’ ma tkunx tikkonċerna biss il-kundizzjonijiet tal-impjieg iżda huwa biżżejjed li t-tilwima tkun konnessa magħhom.



Fl-għeluq, wieħed ma jistax ma japprezzax is-solidarjetà li ħafna trejdunjins, kemm Maltin u kif ukoll barranin, qegħdin juru mal-GWU f’dan il-mument difficli fejn qiegħda tiġi attakkata min kullimkien. Wieħed jappella biex f’din il-kwistjoni jirbaħ is-sens komun u għall-ġid tad-demokrazija Maltija, terġa’ ssir votazzjoni oħra, li din id-darba tkun kif għandha tkun, jiġifieri sigrieta.

No comments: