L-orizzont 23/06/2010
Konvint (jew għall-inqas nispera) li Adrian Vassallo ġie kkwotat ’il barra mill-kuntest, hekk kif ġie rrapportat minn ġurnal bl-Ingliż jgħid li jippreferi jgħix fl-Iran u joħroġ jipprotesta fit-toroq favur ir-reliġjon milli jgħix f’pajjiż fejn il-pornografija hi aċċessibbli fil-kmamar tal-lukandi. Dan wara li ftit tal-jiem qabel, hu kien ressaq Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru tal-Ġustizzja fejn staqsih jekk kinux se jittieħdu passi kontra l-lukandi li joffru stazzjonijiet li juru l-pornografija bi ħlas lill-klijenti tagħhom.
Ma nistax nifhem kif ir-reliġjon tħaltet mal-pornografija. Billi l-pornografija tista’ tkun immorali għal ħafna minnha l-Kattoliċi, din għandha tkun illegali li wieħed ikollu aċċess u jara privatament fil-kamra tal-lukanda tiegħu? Għandna aħna nagħmlu bħal ħafna pajjiżi Musulmani u nibbażaw il-liġijiet tal-pajjiż fuq ir-reliġjon tagħna? Allura bl-istess raġunament, għandna aħna nerġgħu nqisu att omosesswali jew adulterju bħala att illegali, u dan għax imur kontra t-tagħlim tar-reliġjon tagħna? U għandna aħna wara kollox, nimponu l-morali tagħna anke fuq it-turisti li jiġu jżuruna hawn Malta u nindaħħlu dawn x’jagħmlu privatament fil-kamra tal-lukanda tagħhom?
Illegali jew legali?
Fl-istess intervista l-aċċess tal-pornografija fil-lukandi ġiet imqabbla mal-każ taċ-ċinema fil-Belt Valletta, fejn fiha kienu juru films pornografiċi. Però l-pornografija f’kamra ta’ lukanda hi llegali?
Il-Kodiċi Kriminali f’Artiklu 208(1) jistupula li “kull min, għall-qligħ, jew għat-tqassim, jew għall-wiri f’post pubbliku jew f’post aċċessibbli għall-pubbliku jimmanifattura, jistampa jew xort’oħra, jagħmel jew idaħħal f’Malta, jew jakkwista, iżomm, jiċċirkola jew jesporta xi stampat... meta jinsab ħati, priġunerija għal żmien ta’ mhux iżjed minn sitt xhur jew multa ta’ mhux iżjed minn erba’ mija u hamsa u sittin ewro u sebgħa u tmenin ċentezmu (€465.87), jew dik il-priġunerija u multa flimkien.”
Għalhekk, il-liġi tipprojbixxi l-wiri tal-pornografija fil-pubbliku jew f’post aċċessibbli għall-pubbliku. Kamra ta’ lukanda, li mhi xejn iżjed minn kamra tas-sodda li tuża għal żmien qasir, għandha titqies bħala post pubbliku? Jien qatt ma rajt lil xi ħadd għaddej passiġġata mill-kamra tal-lukanda tiegħi, min-naħa tagħkom il-qarrejja ma nafx!
Id-distanza tal-PL
Bħalma forsi kien mistenni, Joseph Muscat u l-Partit Laburista iddistanzaw lilhom infushom minn dawn il-kummenti kontroversjali ta’ Adrian Vassallo.
Bħala Partit b’ideat xellugin u progressivi żgur li ma jistgħux jaqblu ma’ dawn il-kummenti.
Però, filwaqt li Joseph Muscat tkellem kontra ċ-ċensura għal dawn l-aħħar xhur, kien issa li hu wera biċ-ċar li jemmen u jipprattika dak li huwa jgħid. Għandi dubji kbar dwar kemm il-PN kien ikun lest iħalli Deputat Parlamentari minn tiegħu jitkellem u jgħid dak li huwa jħoss fil-Parlament u fil-midja. Joseph Muscat għadda minn dan l-eżami taċ-ċensura billi ma ddejjaq xejn iħalli Deputat Laburista isemma’ leħnu b’diżapprovazzjoni lejn il-partit tiegħu stess, speċjalment meta d-diskussjoni ddur madwar suġġetti ta’ kwistjonijiet morali.
byroncamilleri@gmail.com
No comments:
Post a Comment