Wednesday, June 30, 2010

Faqar: Perċezzjoni jew realtà?


Għall-Prim Ministru, li f’Malta għan­­dna persuni qegħ­din ibatu mill-faqar hija biss perċezzjoni u mhux realtà. Dan wara li skont stħarriġ tal-Unjoni Ewropea nstab li 61% tal-Maltin qegħdin isibuha diffiċli biex ileħħqu mal-għoli tal-ħajja, speċjalment biex iħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, filwaqt li 65% jemmnu li l-faqar f’Malta fl-aħħar sena żdied, b’uħud jgħidu li dan żdied sostanzjalment. Mill-istess sħarriġ ħareġ ukoll li 7.2% tal-Maltin waqgħu lura fil-ħlas tal-kontijiet tagħhom filwaqt li 13% qegħdin isibuha difficli biex jixtru affarijiet essenzjali bħall-ikel.

Ir-risposta tal-Prim Ministru lil dawn il-familji li qegħdin jiftaqru minħabba l-kontijiet tad-dawl u l-ilma hija li 30,000 familja Maltija qegħdin jirċievu s-sussidju biex ikunu jistgħu iħallsu dawn il-kontijiet. Madankollu l-Gvern alloka biss €10 miljun għal dawn is-sussidji filwaqt li l-prezz tad-dawl u l-ilma għola bil-ħafna aktar. Filwaqt li l-Gvern jiftaħar b’dawn it-30,000 familja li qegħdin jirċievu s-sussidji, ilkoll rajna fil-midja, fejn uħud minn dawn il-familji li suppost qegħdin jirċievu s-sussidji, irċevew sussidji li jammontaw għal ftit ċenteżmi jew ftit ewro. Ammonti li żgur mhumiex biżżejjed biex jagħmlu taj­jeb għaż-żieda sostanzjali tal-prezzijiet tad-dawl u l-ilma introdotta mill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.

Differenti mill-kliem sabiħ dwar sussidji lil min jiflaħ l-inqas min-naħa tal-esponenti tal-Gvern, m’hemm bżonn tal-ebda studju profond biex tinduna jekk hux veru jew le li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma huma mażżra m’għonq min jiflaħ l-inqas. Wasla sa fejn jitħallsu l-kontijiet f’Ħal Luqa, tara kju twil ta’ nies ta’ kuljum, li jmorru jistennew f’dan il-kju biex jipprovaw iħallsu bil-mod il-kontijiet arretrati tagħ­hom, filwaqt li jeħlu l-interessi. Dan minbarra n-numru kbir ta’ nies li dej­jem jikber, li qegħdin jis­piċċaw mingħajr provvista tad-dawl wara li ma jkunux jifilħu jħallsu dawn il-kontijiet.

Il-fatt li aktar familji qegħdin ikollhom jgħixu fil-faqar jew qegħdin f’ris­kju ta’ faqar mhijiex tin­għad biss mill-politiċi u l-istatistika. Professjonisti li ta’ kuljum f’xogħolhom jil­taqgħu u jaħdmu ma’ dawk li jifilħu l-inqas, ukoll qegħ­din jinnotaw li l-familji f’ris­kju ta’ faqar qegħdin dejjem jiżdiedu.

Id-Direttur tal-Caritas Mal­ta, Mon­sinjur Victor Grech f’dis­kors li għamel ftit tal-ġimgħat ilu waqt konferenza tal-Caritas semma kif l-għoli tal-ħajja biż-żieda fil-prez­zijiet tal-me­diċini, tal-gass u tal-kera, flimkien mat-tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma qegħdin ikomplu jnaqqsu l-flus mill-bwiet tal-familji Mal­tin u Għawdxin.

Dan bil-konsegwenza li dawk li qabel konna nqi­suhom li qegħdin f’riskju ta’ faqar issa waqgħu fil-faqar. Minn barra wieħed forsi ma jindunax li forsi dik il-familja għaddejja minn problemi finanzarji kbar, però meta wieħed jidħol fid-dar ta’ dawn in-nies jinduna li għalihom l-affarijiet essenzjali saru kapriċċ. Dan tikkonfermah ukoll l-istatistika Ewropea fejn 13% tal-Mal­tin qegħdin isibuha diffiċli biex jixtru affarijiet essenzjali bħall-ikel.

Jekk il-faqar huwiex biss perċezzjoni jew realtà, naħseb li r-risposta hija ċara daqs il-kristall. Nispera biss li din il-problema ma tiġix indirizzata mill-Gvern Malti b’ħafna ‘billboards’ u rivisti bil-kulur fid-djar biex jinbidlu l-perċezzjonijiet tan-nies u mhux il-fatti, bħalma jiġri f’ħafna ċirkostanzi oħrajn, iżda l-Gvern jindirizza din il-problema bis-serjetà billi jnaqqas fattwalment uħud mill-piżijiet kbar li qegħdin ikollhom iġorru l-familji.

byroncamilleri@gmail.com

No comments: