Tuesday, August 11, 2009

Trab Iswed (l-orizzont 06/08/2009)

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=55654

Trab iswed

minn Byron Camilleri





In-niestal-Fgura issa xebgħu. Xebgħu sal-ponta ta’ mneħirhom u magħhom xebgħu wkoll ir-residenti tal-madwar. Il-problema tat-trab iswed misterjuż ilha għaddeja is-snin u għadhom mingħajr risposti u azzjonijiet konkreti.




Saru protesti, konferenzi tal-istampa, diskussjonijiet u mitt ħaġa oħrajn iżda r-residenti tal-Fgura u tal-madwar fis-sena 2009 għadhom qegħdin ibagħtu minn din il-problema kbira tan-nugrufun. Problema b’riżultat li f’din is-sħana kbira fl-eqqel tas-sajf lanqas biss jistgħu jiftħu tieqa jew gallarija. Il-faċċati tad-djar, il-bjut, gallariji u kullimkien reġgħu qegħdin ikunu mimlijin b’dan it-trab iswed.




It-tħassib tagħna għar-residenti huwa akbar għax nafu li l-Gvern mhux qed jirnexxielu jistabilixxi minn fejn ġej dan in-nugrufun. Agħar minn hekk, il-Gvern għadu lanqas biss skopra l-oriġini tan-nugrufun ta’ madwar sentejn ilu.




Skont rapport fuq It-Torċa il-Professur Edward Mallia jemmen li t-trab iswed fil-Fgura huwa r-riżultat tal- powerstation tal-Marsa. It-trab iswed huwa r-riżultat ta’ proċess li jissejjaħ ‘inversion’. Dan iseħħ meta jkun hemm arja kiesħa fuq il-powerstation u arja taħt aktar sħuna. Minħabba dan, id-dħaħen ma jmorrux ‘l fuq iżda jinfirxu fil-ġenb. Ir-riżultat ikun li fejn imur dak id-duħħan, iħalli l-marki tiegħu li jkun trab iswed, bħal partijiet minn dak li qed jinstab fil-Fgura.




Problemi ta' sahha




F’riċerka u rapport preżentat minn Dr Jason Bonnici u Dr Martin Balzan, tefa’ dawl fuq ir-realtà kerha li ċ-ċittadini tal-Fgura u ż-Żejtun iħabtu magħha fejn jidħlu problemi ta’ saħħa minħabba l-arja ħażina li jgħixu fiha.




Dawn ir-residenti huma fost l-aktar fid-dinja li jbagħtu minn problemi ta’ Asthma u mard respiratorju ieħor.




Mir-rapport ħareġ ċar ukoll, li l-problema tal-Asthma mhihiex waħda ġenetika u ġejja biss minn ‘pollution’ ambjentali.




Dr Balzan u Dr Bonnici sabu li wieħed minn kull tmien persuni (12.5%) fil-Fgura jbagħtu bl-Asthma. U persentaġġ aktar għoli huma dawk in-nies li jbatu minn sintomi jew allerġiji respiratorji tal-Asthma, bl-ammont ikun dak ta’ wieħed minn kull erbgħa, jew 25%.




Dawn l-ammonti li huma allarmanti, ġew mitfugħin taħt it-tapit u ma smajna xejn aktar dwarhom.




Wieħed ma jistax ma jsaq-six. Għaliex l-Enemalta ma tippublikax onlajn ‘records’ regolarment ta’ moniteraġġ tal-emmisjonijiet tal-arja fil-powerstation? Il-Gvern għandu jgħid b’liema prattika u mezzi, l-Enemalta qiegħda tipprova tnaqqas l-emmisjonijiet? Min se jerfa’ r-responsabiltà politika tal-mard li qegħdin ibagħtu minnu r-residenti tal-Fgura?




U biex inkomplu ngħaxxqu kollox, ir-risposta tal-Gvern hija dik li nibnu powerstation ġdida li minflok nużaw apparat u sistemi moderni li jħammġu inqas l-arja bħall-gas, se nibnu powerstation antika li se tkompli żżid il-mard respiratorju fil-Fgura u fin-nofsinhar ta’ Malta.




byroncamilleri@gmail.com

2 comments:

Unknown said...

Prosit Byron,

Ghadni niftakar meta kont student tal-5th form naghmel presentation ghall-klassi tal-biology fuq il-hsara kbira li jaghmel in-nugrufun. Kelli rapport interessanti (u alarmanti) fuq is-sitwazzjoni kif qieghda fil-Fgura u l-Marsa pero jidispjacini li dan issa ma nafx x'sar minnu.

Din hija haga tal-misthija u li qas titwemmen li gvern ma jkollux ideja minn fejn qieghed jirrizulta dan it-trab. U dan meta suppost bena din il-legislatura fuq il-qafas ambjentali ta' l-hekk imsejjah 'zvilupp sostenibli'.

Tghid ghax forsi iqis ic-cittadini ta' dawk l-inhawi bhala votanti l-ewwel u nies it-tieni?

Byron Camilleri said...

Grazzi Andrew

Naqbek mieghek perfettament meta tghid "Tghid ghax forsi iqis ic-cittadini ta' dawk l-inhawi bhala votanti l-ewwel u nies it-tieni?"

Sfortunatament in-naha t'isfel ta' Malta saret daqs li kieku kienet il-mizbla jew il-parti s-sewda ta' dan il-pajjiz. Kull haga li haddiehor ma jixtieqx li tkun fir-rahal tieghu qed issib posta f'dawn l-inhawi.