Sa min età żgħira, il-fundatur tal-Knisja Kattolika, Ġesù Kristu ħadem u pprova jikkonvinċi biex iġib bidla fis-soċjetà li twieled u għex fiha. Illum, 2,000 sena wara, ir-rappreżentanti tal-Knisja f’Malta donnhom jopponu l-bidla u jaħdmu favur ‘status quo’ fis-soċjetà li ngħixu fiha.
F’dawn l-aħħar ftit xhur wieħed seta’ jinnota kampanja min-naħa ta’ uħud mill-membri tal-kleru kontra l-introduzzjoni tad-divorzju f’pajjiżna. Divorzju ċivili li m’għandu x’jaqsam xejn mar-reliġjon li n-nies iħaddnu u jipprattikaw.
Kuntrarjament, id-
divorzju jbiddel biss l-istat ċivili tal-individwu. Divorzju li ma jpoġġi l-ebda obbligi fuq is-socjetà, iżda jżid biss id-drittijiet tal-individwi mingħajr l-ebda effett fuq il-persuni l-oħrajn ta’ madwarhom.Bl-introduzzjoni tad-divorzju ma nkunux qegħdin nilleġislaw xi ħaġa obbligatorja. Jekk koppja bi żwieġ fallut tgħażilx bejn divorzju jew separazzjoni, hija għażla fil-kuxjenza tal-persuni. Id-divorzju huwa biss alternattivà li wieħed jista’ jagħmel għażla minnha.
Il-knisja għandha ssemmi leħinha?
Bħal kulħadd, il-membri tal-knisja għandhom dritt isemmaw leħinhom. Però l-knisja, ma naħsibx li għandha dritt topponi d-dħul tad-divorzju f’Malta meta dan m’għandu x’jaqsam xejn mar-reliġjon li tgħallem, għax hija sitwazzjoni ċivili. Min huwa nisrani tajjeb u jimxi mat-tagħlim tal-knisja, qatt mhu se jasal biex jagħmel użu mid-divorzju.
Allura, għaliex il-knisja qiegħda topponi d-divorzju anke fuq dawk li mhumiex Kristjani? Għaliex din il-biża’ kollha? Fil-punti li ġejjin se nsemmi ftit raġunijiet għax il-Knisja m’għandiex topponi l-introduzzjoni tad-divorzju ċivili f’Malta.
1. Ir-realtajiet tas-soċjetà tagħna inbiddlu matul iż-żminijiet, madankollu, b’dispjaċir ikollna nammettu li l-knisja għadha wisq imwaħħla mal-‘istatus quo’ li jzommha ankrata fil-passat. Il-Knisja Maltija qiegħda tipprova tiċħad li r-realtà tas-soċjetà nbidlet u tipporva tpinġi s-soċjetà minn lenti differenti.
2. Persuna mhux miżżewga ma tistax tagħti l-aqwa parir dwar iż-żwieġ jew il-falliment tiegħu. Għalhekk, il-qassisin għaliex huma ċelibi, mhux bilfors huma persuni kompetenti li jagħtu dawn il-pariri għax la għandhom esperjenza ta’ żwieġ, la ta’ tfal, u lanqas ta’ dak kollu li ġġib magħha l-ħajja miżżewġa. Il-qassisin huma verament il-persuni adatti biex jimponu deċiżjoni fuq żwieġ ta’ terzi persuni? Wara kollox, kemm qassis u kemm soru, meta jridu jistgħu jinħallu mis-saċerdozju u minn soru, jiżżewgu u jkomplu jagħmlu li jridu b’ħajjithom.
3. Il-Knisja trid tagħraf id-distinzjoni bejnha u l-istat. Il-knisja qiegħda hemm biss għar-reliġjon u l-fidi filwaqt li l-istat qiegħed hemm biex imexxi l-pajjiż kollu kif jaħseb li hu l-aħjar għall-poplu.
Ma naħsibx li għandha dritt, kif smajna fuq programm televiżiv lokali, thedded lill-Membri Parlamentari Kattoliċi bid-dnub jekk jivvotaw favur l-introduzzjoni tad-divorzju. Il-Membri Parlamentari jirrapreżentaw lill-votanti li eleġġuhom u mhux lill-Knisja Kattolika.
4. L-istat huwa kulħadd filwaqt li l-knisja hija tal-Kattoliċi biss. Il-knisja ma tistax tibqa’ taħseb li f’dan il-pajjiż kulħadd huwa Kattoliku.
Allura, għaliex min m’huwiex
Kattoliku għandu jobdi l-liġijiet reliġjużi ta’ dawk li huma Kattoliċi? Il-Knisja m’għandha qatt timponi t-tagħlim tagħha fuq ħaddieħor.5. Il-knisja m’għandhiex tagħmilha tal-‘big brother’ moralista tal-Maltin kollha. Id-divorzju huwa suġġett għall-morali tal-persuna, u kull persuna differenti għandha l-morali tagħha differenti u li kapaċi tagħżel hi biss għaliha nnifisha.
6. Il-fatt li l-knisja qiegħda tagħmel dawn l-attakki fuq l-introduzzjoni tad-divorzju f’Malta, jagħti x’jifhem li dawn huma attakki ta’ biża’. Biża’ li joħroġ il-fatt li jista’ jkun li l-Maltin qegħdin jitbiegħdu mill-Knisja u dan jista’ jkun għal żewġ raġunijiet.
L-ewwel raġuni hija dik li ċertu persuni m’għadhomx tal-istess opinjoni tar-reliġjon Kristjana filwaqt li t-tieni u l-aktar raġuni nkwetanti għal Knisja hija li jekk il-Maltin jirrikorru għad-divorzju li huwa kontra t-tagħlim tagħha, joħroġ beraħ li l-knisja li ma rnexxilhiex twassal il-messaġġ tagħha ma’ dawk li suppost huma membri tagħha.
Il-Knisja qiegħda hemm għall-Kattoliċi u ħadd iktar. Il-messaġġ tagħha m’għandux ikun wieħed ta’ impożizzjoni fuq l-istat iżda messaġġ ta’ gwida lill-membri Kattoliċi tagħha.
Kieku kull min hu mgħammed u huwa Kattoliku u jemmen li d-divorzju m’huwiex tajjeb għalih, il-Knisja ma għandiex ikollha problemi. Però wisq nibża li wara dawn l-attakki fuq l-introduzzjoni tad-divorzju, hemm skopijiet oħrajn.
byroncamilleri@gmail.com
http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=56716
No comments:
Post a Comment