
Jekk ħadt għalik ma tantx għandek għalfejn ja Ġaħan. L-awtoritajiet ta’ din il-gżira hekk qed iqisuk. Hawn erbgħa għorrief li jaħsbu li jifhmu f’kollox u għalhekk jistgħu jiddeċiedu huma għalik u għalija.Iċ-ċensura żżeblaħ bl-inteliġenza tal-bniedem matur, u għalhekk li għandu jkun hawn sistema ta’ klassifikazjoni u mhux ċensura lampanti bħal ma qed nesperjenzaw fl-aħħar żminijiet. Il-problema hi li ħafna minn dawn l-għorrief taċ-ċensura lanqas biss ikunu jagħmlu parti sħiħa mis-soċjetà iżda jgħixu fix-xifer ta’ din is-soċjetà mħallta filwaqt li jaħsbu li jifhmu fil-moralità universali ta’ dan il-poplu.
Issa aħjar. Mhux biss qegħdin niċċensuraw l-artikli fuq il-gazzetti, manekkini tal-plastik bla ħwejjeġ u reċti. Wasalna fi stat li l-pulizija jitolbu l-kliem tad-diski qabel ma ‘bands’ idoqqu fil-Karnival t’Għawdex. Daqs li kieku l-bands kienu xi pupazz ieħor f’idejn dawn il-moralisti. Però, wara li din l-aħbar ħarġet fil-midja, il-pulizija pprovaw jiċħdu dan u lanqas għall-ismijiet tad-diski ma talbu. Tgħid messithom il-kuxjenza?
Għall-Isqof ta’ Għawdex kelli ċertu ammirazzjoni. Iva, kelli. Bniedem ta’ prinċipji li ma jiddejjaqx jitkellem u jwassal l-opinjoni tiegħu. Bniedem li verament għandu l-klassi t’isfel għal qalbu u dan joħroġ ċar mill-messaġġi tiegħu kontra l-faqar modern, u s-sitwazzjonijiet il-ġodda li qed iwasslu n-nies biex jersqu dejjem aktar lejn il-linja ta’ povertà.
Però dan l-aħħar għaxxaqa. Qabbel id-divorzju mal-abort, li huma żewġ affarijiet kompletament differenti. Skont kif ġie kkowtat fil-midja hu qal li hemm konnessjoni bejn l-abort u d-divorzju.
L-Isqof ta’ Għawdex ġie kwotat jgħid li meta l-familja tkun magħquda, aktar hemm probabilità li t-tqala tiġi aċċetata u ċċelebrata filwaqt li meta l-familji jkunu mkissrin bħal fil-każ ta’ ġenituri ddivorzjati, hemm probabilità akbar li l-ħajja ma tiġix aċċetata. Għalfejn l-Isqof ma wżax is-sitwazjoni f’Malta u semma l-persuni seperati flok id-divorzju? Forsi qal hekk għax ma jridx jidher ikraħ mal-ħafna koppji separati Maltin? U d-divorzju jidher bħala xi ħaġa ħażina barranija? Jew għax irridu nkomplu nbeżżaw kin-nies bid-divorzju li issa anke lesti nqabluh mal-abort? Jekk verament hemm konnessjoni bejn familji mkissrin u l-abort, f’din is-sitwazjoni l-familji separati u divorzjati għandhon l-istess rwol. L-Isqof t’Għawdex inqisu bħala persuna inteliġenti ħafna, u għalhekk wieħed ma jistax ma jaħsibx li r-referenza għad-divorzju minflok kull tip ta’ tkissir ta’ familji, inkluż is-seperazjonijiet saret intenzjonalment. Saret bil-ħsieb li jitfa’ dawl ikrah fuq id-divorzju filwaqt li jinjora l-fatt li familji mkissrin issib li anke għadhom miżżewġin jew seperati. Għalhekk f’dawn il-familji ssib l-istess rata ta’ persuni li ma jaċċetawx il-ħajja, daqs fejn hemm id-divorzju.
Familja mkissra, mkissra se tibqa’ u mhux se ssir agħar jekk ikun hemm id-divorzju. L-unika funzjoni tad-divorzju hu li jispicca dak iż-żwieġ, u jagħti ċans lill-persuni jerġgħu jibdew il-ħajja tar-relazzjonijiet tagħhom, mill-ġdid. L-Isqof t’Għawdex żgur li jaf dan kollu u m’hemmx bżonn żgħażagħ ta’ tnejn u għoxrin sena biex jgħidlu dan. U wara li jinduna li żbalja, li naraw xi apoloġija ma tkunx xi ħaġa ħażina.
byroncamilleri@gmail.com
No comments:
Post a Comment