FTIT tal-jiem ilu assistejna għall-unuri tat-televiżjoni, l-MTA (Malta Television Awards). Unuri li jagħtu ġieħ, fejn aħna nirringrazzjaw lin-nies li tant iwaħħluna ma’ dak l-imbierek skrin tat-televiżjoni u forsi xi kultant jaħlulna xi ftit tal-ħin ukoll fejn neħlu naraw xi programm minflok ma nagħmlu xi ħaġa għall-bżonn.

Din is-sena dawn l-unuri inawguraw lill-istazzjon ONE Television bħala l-istazzjon tas-sena wara li s-sena l-oħra dan l-unur intrebaħ mill-istazzjon nazzjonali, TVM. Wieħed ma jistax ma jinnotax kif stazzjon privat ta’ partit politiku qed jirnexxielu jlaħħaq u jiksirha lil stazzjon iffinanzjat mill-istat, li jfisser li jiġi ffinanzjat mit-taxxi tagħna lkoll. Ta’ min isemmi li biex aħna naraw l-istazzjon TVM u nisimgħu l-istazzjonijiet tar-radju: Radju Malta u Radju Parlament inħallsu €35 fuq kull televixin fid-dar tagħna, fis-sena, u għalhekk kulħadd jistenna li jirċievi prodott ta’ kwalità. Huwa kkalkolat li żewġ terzi tal-finanzjament ta’ TVM huwa mit-taxxi tagħna, filwaqt li t-terz l-ieħor huwa miġbur mir-reklami.
L-istazzjon TVM, fl-opinjoni tiegħi jtella’ ċerti programmi li ma jkunux ta’ livell għoli u kif ukoll xi drabi juri programmi jew films li diġà jkunu dehru fuq stazzjonijiet barranin. Ħafna minn dawn il-films ikunu films li ma jkunux riċenti xejn, fejn ma naħsibx li l-istazzjon tal-istat ikun nefaq ħafna biex jonorana b’dawn il-films. Ukoll, xi drabi dan l-istazzjon, li aħna nħallsu għalih, jaqleb u fuqu jintwera dak li jkun għaddej fuq l-istazzjon Euronews, meta wieħed jista’ jara dan billi jaqleb l-istazzjon fuq it-televiżjoni tiegħu għal dan l-istazzjon partikolari.
NET Television, l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista rebaħ żewġ unuri biss. Ironikament rebaħ l-istess ammont ta’ unuri li rebaħ l-istazzjon ġdid Favourite Channel li ilu biss madwar sena jxandar. Mhuwiex sigriet li dan l-istazzjon ilu sejjer lura bħal granċ. Kemm in-nuqqas ta’ programmi ta’ kwalità u kif ukoll ħafna repetizzjonijiet waslu biex dan l-istazzjon ikun segwit minn madwar ħamsa fil-mija biss tal-popolazzjoni. Ma ngħoddx kemm il-darba rrepetew l-avveniment tal-‘world’s strongest man’ li sar f’Malta, fl-aħħar ġimgħat.
Għalhekk wieħed ma jistax jistaqsik għalxiex il-Partit Nazzjonalista ma jagħtix kas dan l-istazzjon televiżiv tiegħu? Kulħadd jaf kemm il-midja għandha saħħa biex tbiddel u tifformola l-opinjoni tan-nies u għalhekk li partit politiku jkollu stazzjon televiżiv b’saħħtu biex iwassal il-messaġġi tiegħu sar bżonn daqs kemm qabel kellhom il-bżonn li jkollhom il-gazzetta tal-Partit. Ħafna jsostnu li l-Partit Nazzjonalista ma jużax in-NET biex iwassal il-messaġġi tiegħu iżda jagħmel dan permezz tal-istazzjon nazzjonali TVM jew jiffinanzja riklami fuq il-midja privata bi flus il-poplu fejn dak li jiġi mxandar mill-istazzjon nazzjonali jasal biex ikun aktar emmnut peress li huwa l-istazzjon nazzjonali u li jidher imparzjali.
Hemm min isostni li matul iż-żmien l-istazzjon nazzjonali dejjem kien suġġett ta’ favoritiżmu lejn il-Gvern tal-ġurnata. Però dan ma jfissirx li b’daqshekk għandu jkollna ġustifikazzjoni. L-istazzjon nazzjonali għandu jkun ta’ kulħadd għax dan jitħallas mit-taxxi tagħna lkoll, u għalhekk għandu jirrispetta l-intelliġenza tagħna u filwaqt li jipprovdi l-aqwa kwalità ta’ programmi possibli, għandu jkun imparzjali kemm jista’ jkun.
byroncamilleri@gmail.com
No comments:
Post a Comment