http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=65589
Kull meta tkun trid tittieħed xi deċiżjoni, importanti jew le, dejjem ikun hemm diversi interessi li jaffettwaw ir-riżultat ta’ dik id-deċiżjoni. Kemm interessi għall-gwadann personali, interessi ta’ prinċipju, twemmin, u elf mitt ħaġ’oħra.
Meta wieħed jieħu deċiżjoni personali ftit jimporta l-interessi li jwasslu għal din id-deċiżjoni… iżda meta din tkun tolqot lil diversi persuni, għandna aħna nieħdu deċiżjoni fuq it-twemmin, gwadann jew prinċipji personali filwaqt li naffettwaw il-ħajja ta’ ħaddieħor bid-deċiżjoni tagħna?

Id-dibattitu dwar id-divorzju issa qed jaqbad sewwa. Kellu jkun Jeffry Pulucino Orlando li fl-aħħar irnexxielu jċaqlaq lill-Partit Nazzjonalista biex jiddiskuti dan is-suġġett.
Deher ċar fl-aħħar snin, li mhux biss il-Prim Ministru ma kien jaqbel xejn mal-proposta tal-introduzjoni tad-divorzju, u li ma fiha xejn ħażin, iżda l-Partit Nazzjonalista qatt ma ried ikun parti min dan id-dibattitu. Anzi, dejjem ra kif għamel biex jaljena lill-poplu bi kwistjonijiet oħrajn minflok suġġett li f’għajnejn xi wħud huwa ‘taboo’.
Dibattitu b’saħħtu jinvolvi s-soċjetà ċivili kollha, u għalhekk ma jistax ikollok wieħed mill-akbar partiti politiċi f’Malta fl-aħħar 20 sena, li ma jkunx involut f’dan id-dibattitu. Kien hawn il-bżonn li l-Partit Nazzjonalista jkun parti min dan id-dibattitu, anke jekk l-argumenti kienu se jkunu kontra.
Nemmen li issa l-ikbar kwistjoni mhix jekk niddiskutux id-divorzju jew le, iżda kif għandna niddiskutu u niddibattu d-divorzju. Se niddiskutu fuq bażi personali, bażi ta’ prinċipju, bażi reliġjuża jew fuq il-ġid komuni tas-soċjetà?
Jien Kattoliku prattikanti. Però, nista’ jien nimponi t-twemmin reliġjuż tiegħi fuq ħaddieħor, anke min mhuwiex Kattoliku? Jekk ir-reliġjon tiegħi temmen li l-persuni miżżewġin, iż-żwieġ tagħhom ma jinħall qatt jekk mhux b’annullament, għandi jien nimponi fuq ħaddieħor li ma jħaddanx l-istess reliġjon bħal tiegħi, ir-reliġjon tiegħi? Konvint li le.
Nemmen li wieħed m’għandux jitkellem favur jew kontra d-divorzju minħabba l-interessi personali jew reliġjużi tiegħu, iżda kull wieħed u waħda minnha għandna nġibu quddiem għajnejna biss, il-ġid komuni tas-soċjetà li ngħixu fiha. Għalhekk naqbel ħafna ma’ dak li kien sostna r-Reverendu Peter Serracino Inglott fuq il-programm Xarabank, li hu ma jaqbilx mad-divorzju mhux għax huwa Kattoliku, iżda għax jemmen li d-divorzju huwa ħażin għas-soċjetà li ngħixu fiha.
Għalhekk, jien għandi nkun favur jew kontra d-divorzju biss, jekk nemmen li dan se jagħmel aktar ħsara milli ġid. Interessi personali jew reliġjużi m’għandhomx jidħlu f’dan id-dibattitu dwar id-divorzju, iżda għandna biss inħarsu lejn il-ġid komuni tas-soċjetà.
byroncamilleri@gmail.com
No comments:
Post a Comment